Kull telfa hi irreversibbli

General
March 03, 2025

F'temp ta’ xahrejn, l-istat inkwetanti tat-toroq tagħna sab ruħu fil-mira tal-attenzjoni pubblika, hekk kif erba' persuni tilfu ħajjithom traġikament waqt li kienu qed isuqu. Kull waħda minn dawn l-imwiet hija telfa irreversibbli li ħalliet warajha familji xxukkjati u komunitajiet imnikkta.

Il-frekwenza allarmanti ta' inċidenti fatali hija tfakkira ċara li t-toroq tagħna qed isiru dejjem aktar perikolużi, u din ir-realtà għandha tħassibna lkoll.

It-toroq ta' Malta qed isiru donnhom korsa tat-tlielaq, u s-750 multa għall-veloċità eċċessiva maħruġa mill-pulizija fl-ewwel sitt ġimgħat ta' din is-sena jixhdu nuqqas sfaċċat ta’ osservanza tal-liġijiet tat-traffiku u s-sikurezza pubblika.

Dawn iċ-ċifri mhumiex biss statistika — imma jirrappreżentaw ħajjiet ta’ nies reali li qed jiġu mqiegħda f’riskju ta’ kuljum, u dan juri biċ-ċar li hemm bżonn ta' viġilanza kontinwa u rigoruża.

Bħala l-Assocjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni, nemmnu li r-rabta bejn is-sewqan eċċessiv u inċidenti serji ma tistax tiġi injorata. L-infurzar kontinwu jgħin sabiex tarġa’ tikkalma s-sitwazzjoni u jitnaqqas l-abbuz fit-toroq tagħna.

Madankollu, l-ikkontrollar għandu jkun sostnut fit-tul, mhux limitat għal sforz staġjonali. L-infurzar konsistenti jsaħħaħ il-messaġġ li s-sewqan perikoluż mhux se jkun ittollerat, u fl-aħħar mill-aħħar iservi ta’ deterrent għal imġiba negliġenti.

U filwaqt li l-velocita eċċessiva tibqa' kawża ta’ tħassib serju, din mhijiex l-unika mġiba perikoluża li nħabbtu wiċċna magħha. Id-distrazzjoni, partikularment l-uzu tal-mowbajls waqt is-sewqan, hija daqstant ieħor prevalenti u tippreżenta riskju serju. Biex insemmu eżempju wieħed, vettura li tkun qed tivjaġġa b'veloċità ta' 50km fis-siegħa tkun imxiet tul ta' 70 metru waqt li s-sewwieq ikun sempliċiment ħares lejn il-mowbajl għal ħames sekondi!

Irresponsabbiltajiet

Din narawha ta’ kuljum: sewwieqa jibgħatu messaġġi huma u jsuqu, jieħdu telefonati, jew jiskrolljaw fuq il-midja soċjali waqt li l-karozza miexja. Dan mhux aċċettabbli. Mument biss ta' nuqqas ta' attenzjoni jista' jkollu konsegwenzi devastanti, u minkejja dan kollu, tibqa' problema mifruxa.

Bħala assoċjazzjoni, nemmnu li s-sikurezza fit-toroq mhix biss kwistjoni ta’ multi jew punti penali; iżda hija dwar il-bżonn li nrawmu kultura ta' rispett u responsabbiltà. It-toroq tagħna mhumiex korsa tat-tlielaq, u kull sewwieq għandu d-dmir li jara li jsuq bla periklu; mhux biss għall-ġid tiegħu stess, iżda għal ħaddieħor ukoll.

Ngħixu f’wieħed mill-aktar pajjiżi ffullati fid-dinja, u bi 78 karozza għal kull mitt resident, bla dubju pajjiżna huwa ffissat fuq il-karozzi. Dan jagħmilha saħansitra aktar urġenti għall-awtoritajiet li jwettqu l-impenn tagħhom lejn infurzar b’saħħtu u sostnut. Is-sikurezza fit-toroq għandha tibqa' prijorità ewlenija, u n-nuqqas ta' azzjoni mhijiex għażla.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni ilha għal dawn l-ahhar snin tirsisti favur l-introduzzjoni urġenti tal-Kummissjoni Investigattiva għas-Sikurezza tat-Trasport, li kellha tibda topera sa tmiem l-2023.

Jekk irridu verament innaqqsu l-fatalitajiet fit-toroq, jeħtieġ li jkun hemm entita’ ddedikata għall-analiżi tal-inċidenti tat-traffiku u li tipproponi miżuri preventivi. Din il-kummissjoni jkollha rwol kruċjali fil-ġbir ta' data, l-identifikazzjoni ta' xejriet partikolari, u l-implimentazzjoni ta' strateġiji effettivi biex tissaħħaħ is-sikurezza fit-toroq.

Bħala assoċjazzjoni, nilqgħu bi pjaċir l-aħbar riċenti mill-Ministru tat-Trasport Chris Bonett li l-ministeru tiegħu se jkun qed iressaq ideat għat-twaqqif ta' dan l-ufficcju tas-sikurezza fit-toroq li tant huwa meħtieġ.

Dan l-ufficcju huwa element fundamentali ta' strateġija komprensiva dwar is-sikurezza fit-toroq — waħda li tidentifika n-nuqqasijiet, tindirizza kwistjonijiet kritiċi, u tanalizza x-xejriet biex tinforma deċiżjonijiet ta' politika effettivi. Madankollu, il-kliem biss mhux biżżejjed. Nittamaw li t-twaqqif ta’ dan l-ufficcju ma jiffaċċjax aktar ostakli u li l-awtoritajiet jaġixxu bl-urġenza li titlob din il-kwistjoni.

Fl-aħħar mill-aħħar, is-sikurezza fit-toroq hija responsabbiltà konġunta, u kollha kemm aħna li nużaw it-toroq nistgħu jikkontribwixxu lejn dan il-għan.

L-awtoritajiet, l-aġenziji tal-Infurzar, u s-sewwieqa lkoll iridu jagħtu sehemhom biex jonqos il-periklu. Flimkien, nistgħu noħolqu kultura li tgħożż is-sikurezza aktar mill-veloċità. Huwa biss permezz ta' sforz kollettiv u kontinwu li nistgħu nevitaw aktar traġedji u niżguraw li l-ebda hajja oħra ma tintilef bla bżonn.

Artiklu li deher fil-Mument tal- Hadd 2 ta Marzu 2025